Google Translate hija għodda bla ħlas li tippermettilek li tittraduċi sentenzi,
dokumenti u saħansitra websajts sħaħ, dak il-ħin.
Imma, din il-ħaġa, kif taħdem eżattament? Filwaqt li din il-ħaġa tista' tidher bħallikieku għandna
sala mimlija għafriti bilingwi jaħdmu għalina, fil-fatt, it-traduzzjonijiet tagħna ġejjin mill-kompjuters.
Dawn il-kompjuters jużaw proċess imsejjaħ "traduzzjoni ta' magna statistika"--mod sabiħ kif jingħad li
l-kompjuters tagħna jiġġeneraw traduzzjonijiet ibbażati fuq stili li jinstabu f'ammonti kbar ta' testi.
Iżda, ejja mmorru pass lura. Jekk trid tgħallem lil xi ħadd lingwa ġdida, tista' tibda billi tgħallmu xi
vokabularju u xi regoli tal-grammatika li jispjegaw kif jinbnew is-sentenzi. Kompjuter jista' jitgħallem
lingwa barranija b'mod differenti - billi jirreferi għall-vokabularju u għal sett ta' regoli.
Madankollu, il-lingwi huma kkumplikati u, bħalma jista' jgħidlek kull min ikun qed jitgħallem lingwa, jeżistu
eċċezzjonijiet għal kważi kull regola. Meta tipprova tiġbor dawn l-eċċezzjonijiet kollha, u l-eċċezzjonijiet
għall-eċċezzjonijiet, fi programm tal-kompjuter, il-kwalità tat-traduzzjoni tibda tonqos sew.
Google Translate juża metodu differenti. Minflok nippruvaw ngħallmu lill-kompjuters tagħna r-regoli
kollha ta' lingwa, aħna nħallu lill-kompjuters tagħna jiskopru r-regoli huma stess. Jagħmlu dan billi
janalizzaw miljuni u miljuni ta' dokumenti li jkunu diġà ġew tradotti minn tradutturi umani. Dawn
it-testi tradotti jiġu minn kotba, organizzazzjonijiet bħan-NU u websajts
minn madwar id-dinja kollha.
Il-kompjuters tagħna jiskenjaw dawn it-testi u jfittxu tendenzi li jkunu statistikament sinifikanti--
jiġifieri, tendenzi bejn it-traduzzjoni u t-test oriġinali li mhumiex probabbli li jseħħu
b'kumbinazzjoni. Ladarba l-kompjuter isib tendenza, juża din it-tendenza biex jittraduċi testi
simili fil-futur. Meta tirrepeti dan il-proċess għal biljuni ta' drabi, tispiċċa b'biljuni
ta' tendenzi u bi programm tal-kompjuter intelliġenti ħafna.
Madankollu, għal xi lingwi għandna inqas dokumenti tradotti disponibbli u għaldaqstant
inqas tendenzi li s-software tagħna rnexxielu jsib. Din hija r-raġuni l-għala l-kwalità
tat-traduzzjoni tagħna tvarja skont il-lingwa u l-pari lingwistiċi. Nafu li t-traduzzjonijiet
tagħna mhumiex dejjem perfetti iżda billi nipprovdu testi tradotti ġodda l-ħin kollu,
nistgħu nagħmlu lill-kompjuters tagħna aktar intelliġenti u t-traduzzjonijiet tagħna aħjar.
Għalhekk, darb'oħra li tittraduċi sentenza jew webpage b'Google Translate, aħseb dwar dawk
il-miljuni ta' dokumenti u biljuni ta' tendenzi li fl-aħħar mill-aħħar wasslu għat-traduzzjoni
tiegħek - u dan kollu qiegħed iseħħ f'ħakka t'għajn.
Tajba l-biċċa, hux?
Agħtiha prova fuq translate.google.com.