Grazzi. Darba kien hemm re fl-Indja, Maharaja, u għal għeluq sninu, ħareġ digriet li l-kapijiet tal-ibliet kollha kellhom iġibulu rigal ta' re. Uħud minnhom ġabulu ħarir fin, oħrajn xwabel sbieħ, uħud ġabulu xi deheb. Fl-aħħar miss lil raġel żgħir, xiħ u mkemmex li biex wasal mir-raħal tiegħu għadda ħafna jiem ibaħħar. Hekk kif beda joqrob, iben ir-re staqsieh, "X'rigal ġibtlu lir-Re?" U x-xiħ fetaħ idu bilmod u wrieħ arzella mill-isbaħ, b'tidwiriet ta' vjola u isfar, aħmar u blu. U iben ir-Re qal, "Dan mhux rigal denju għar-Re! X'rigal hu dak?" Ix-xiħ għolla ħarstu bilmod lejh u qal, "Mixja twila...parti mir-rigal." (Daħka ġenerali) Dalwaqt, ser intikom rigal, rigal li nemmen għandkom ixxerdu mal-oħrajn. Imma qabel nagħtikom ir-rigal, ejjew miegħi fuq mixja twila. Bħal ħafna minnkom, bdejt ħajti bħala tifel żgħir. Kemm minnkom bdew ħajjithom bħala tfal żgħar? Twelidtu żgħar? Ok...nofskom twelidtu hekk... (Daħka ġenerali) U l-bqija? X'ġara? Twelidtu diġà kbar? Nixtieq niltaqa' m'ommkom! Kont naħseb li mpossibli! Bħala tifel żgħir, dejjem kelli dik il-kilba biex nagħmel l-impossibli. Illum jum li ili nistennih ħafna snin, għax illum ser nipprova nagħmel dak li għalija mpossibli, hawn, quddiem għajnejkom, hawn f'TEDxMaastricht. Ser nibda billi ngħidilkom kif se nagħlaq: U ser nurikom kif l-impossibbli mhux impossibbli. U se ntemm kollox billi ntikom rigal biex taqsmuh mal-oħrajn: Ser nurikom li tistgħu twettqu l-impossibbli f'ħajjitkom. Tul il-mixja tiegħi biex inwettaq l-impossibbli, sibt li hemm żewġ affarijiet komuni għal kulħadd madwar id-dinja. Kulħadd jibża', u kulħadd joħlom. Tul il-mixja tiegħi biex inwettaq l-impossibbli, sibt li għamilt tlett affarijiet tul is-snin li ġiegħluni nagħmel l-impossibbli: Dodgeball, jew kif issejħulu "Trefbal", Superman, u nemusa. Tlett kelmiet ċentrali. Issa tafu għalfejn inwettaq l-impossibbli f'ħajti. Ser nurikom il-mixja tiegħi, mixja twila mill-biża' għall-ħolm, mill-kliem għax-xwabel, mid-Dodgeball sa' Superman sa' nemusa. U nispera li nurikom kif tistgħu twettqu l-impossibbli f'ħajjitkom. L-4 t'Ottubru 2007. Qalbi kienet qed tħabbat mija mija, irkuptejja jirtogħdu hekk kif tlajt fuq il-palk tat-teatru Sanders fl-Università ta' Harvard biex naċċetta l-premju Ig Nobel fil-Mediċina tal-2007 għal riċerka li ħdimt fuqha ma' ħaddieħor jisimha "Sword Swallowing... ... and its Side Effects". (Daħka ġenerali) Ġiet pubblikata f'rivista ċkejkna li qatt ma kont qrajt qabel. il-British Medical Journal. U għalija, dik kienet ħolma impossibbli li saret realtà, kienet sorpriża mhux mistennija għal xi ħadd bħali, kien unur li qatt mhu ser ninsa. Imma ma kinetx l-iktar parti memorabbli ta' ħajti. Fl-4 t'Ottubru 1967, dat-tifel imbeżża, mistħi, niexef u bla sinsla kien mimli biżgħat. Kif kien qed jipprepara biex jitla' fuq palk, qalbu kienet tħabbat mija mija, irkuptejh jirtogħodu. Prova jiftaħ ħalqu biex jitkellem, imma l-kliem ma setgħux joħorġu. Baqa' hemm jitriegħed, jibki. Weħel bil-biża' paniku li qabdu, ffriża bil-biża'. Dat-tifel imbeżża', mistħi, niexef u bla sinsla kien ibagħati minn ħafna biżgħat. Kien jibża' mid-dlam, mill-għoli, mill-brimb u mis-sriep... Hawn min minnkom jibża' mill-brimb u s-sriep? Iva, hawn ftit minnkom... Kien jibża' mill-ilma u mill-klieb -il baħar Biża' mit-tobba, l-infermiera u d-dentist, mil-labar, mit-trapani u mill-ħġejjeġ li jaqtgħu. Imma kellu biża' ikbar milli minn dawn - biża' minn nies. Dak it-tifel imbeżża', mistħi, niexef u bla sinsla kien jien. Kelli biża' mill-falliment u li ma nkunx aċċettat, stima baxxa tiegħi innifsi, kumpless ta' inferjorità u xi ħaġa li dak iż-żmien lanqas konna sibna- problema ta' ansjetà soċjali. Billi kont imbeżża, il-bullies kienu jinkuni u jsawwtuni. Kienu jiddieħku bija u jgħajjruni, ma kinux iħalluni nilgħab magħhom. Ah, kien hemm logħba li kienu jħalluni nilgħab... Dodgeball - u ma kontx naf nevità l-ballun. Il-bullies kienu jsejjħu ismi, u jien kont inħares u nara ballun aħmar stramb ġej għal wiċċi b'veloċità supersonika bam, bam, bam! U niftakar f'ħafna jiem, miexi lura d-dar mill-iskola wiċċi kien aħmar u jniggeż, widnejja kienu ħomor u jsaffru. Għajnejja ħomor bid-dmugħ, u kliemhom jidwi f'widnejja. Darba xi ħadd qal, "Sticks and stones can break my bones, but words will never hurt me"... Hija gidba. Il-kliem jista' jaqta' bħal sikkina. Il-kliem jistgħu jinfdu bħal xabla. Il-kliem jista' jagħmel feriti tant fondi li ma jidhrux. Allura kelli ħafna biża'. U l-kliem kienu l-ikbar għadu tiegħi. Għadhom sal-lum. Imma kelli wkoll il-ħolm. Kont immur id-dar u ninħeba fil-komiks ta' Superman u kont naqra l-komiks ta' Superman u kont noħlom li nkun super-eroj bħal Superman. Ridt niġġieled għall-verità u l- ġustizzja, ridt niġġieled kontra l-kattivi u l-kriptonite, ridt intir madwar id-dinja, inwettaq atti super-umani u nsalva l-ħajjiet. Kont affaxxinat ukoll bl-affarijiet li kienu veri. Kont qrajt il-Gusiness Book of World Records u Believe it or Not ta' Ripley. Hawn min minnkom qara l-Gusiness Book of World Records jew ta' Ripley? Dawk kotba li nħobb! Rajt nies ta' vera jagħmlu affarijiet ta' vera. U għedt, irrid nagħmel bħalhom. Jekk il-bullies ma jħallunix nilgħab fl-isports tagħhom, irrid nagħmel il-maġija, ħġejjeġ impressjonanti. Irrid nagħmel xi ħaġa kbira li dawk il-bullies ma jistgħux jagħmlu. Irrid insib dak li jien magħmul għalih, irrid inkun naf li ħajti tfisser xi ħaġa, irrid nagħmel xi ħaġa ma titwemminx li tibdel id-dinja; irrid nuri li l-impossibbli mhux impossibbli. Naqżbu għal 10 snin wara - Kienet il-ġimgħa qabel nagħlaq 21 sena. Seħħew ġiex affarijiet f'jum wieħed li kellhom jibdluli ħajti għal dejjem. Kont qed ngħix Tamil Nadu, fin-nofsinhar tal-Indja Kont missjunarju hemm, u l-parrinu (mentor), il-ħabib tiegħi staqsa "Daniel, għandek Thromes?" U jien għedt, "Thromes? X'inhuma Thromes?" Qalli, "Thromes huma objettivi ċentrali għal ħajtek. Huma il-ħolm u l-objettivi, bħal per eżempju jekk tista' tagħmel dak li trid, tmur fejn trid tkun min trid, fejn tmur? X'tagħmel? Min tkun? Weġibtu "Ma nistax nagħmel hekk! Nibża' wisq! Għandi ħafna biżgħat!" Dak il-lejl ħadt il-lizar tar-ross tiegħi fuq il-bejt tal-bungalow, ferrixtu taħt l-istilel, u qgħadt nara l-friefet il-lejl jgħoddsu għan-nemus. U ma stajt naħseb fuq xejn ħlief thromes, ħolm u objettivi, u l-bullies bil-blalen tad-dodgeball. Stenbaħt ftit sigħat wara. Qalbi kienet tħabbat mija mija, irkuptejja kienu jirtogħdu. Did-darba ma kinetx il-biża'. Ġismi kien qed jintilef. U għall-ħamest ijiem ta' wara kont qed niġi f' u nitlef sensija, fuq is-sodda tal-mewt niġġieled għal-ħajti Moħħi kien qed jinxtewa b'105 deni tal-malarja. U meta niġi f'sensija kont qed naħseb biss fuq it-thromes. Ħsibt, "X'irrid nagħmel b'ħajti?" Fl-aħħar, fil-lejl ta' qabel għalaqt 21 sena, f'ħin fejn kont ċar, fhimt: Indunajt li dik in-nemusa żgħira, Anopheles Stephensi, dik in-nemusa żgħira li tiżen inqas minn 5 mikro grammi inqas minn farka melħ, jekk dik in-nemusa setgħet toqtol raġel ta' 80 kilo, indunajt li dik kienet il-kriptonite tiegħi. Imbgħad fhimt, le, le, mhux in-nemusa Dik kienet il-parassita fin-nemusa Plasmodium Falciparum, li toqtol iktar minn miljun fis-sena. Imbgħad fhimt Le le, iżgħar minn hekk, imma għalija, dehret ħafna ikbar. Fhimt, il-biża' kienet il-kriptonite tiegħi il-parassita tiegħi, li żammitni lura u pparalizzatni tul ħajti kollha. Kif tafu, hemm differenza bejn il-periklu u l-biża'. Il-periklu jeżisti. Il-biża' hija għażla. U fhimt li kelli għażla: Stajt ngħix fil-biża', u mmut fallut dak il-lejl jew stajt noqtol il-biża', u stajt infittex li ngħix il-ħolm tiegħi, nieħu ċans ngħix il-ħajja. U kif tafu, meta tkun fuq is-sodda tal-mewt tiffaċja l-mewt, hemm tkun verament trid tgħix il-ħajja. Fhimt li kulħadd imut, imma mhux kulħadd jgħix. Ngħixu għax immutu. Meta titgħallem tmut, titgħallem verament tgħix. Dak il-lejl iddeċidejt li kont ser nibdel l-istorja tiegħi. Ma ridtx immut. Għalhekk għedt talba żgħira. Għedt "O Alla, jekk tħallini ngħix sakemm nagħlaq 21, daqshekk ħallejt lill- biża' tikkmandali ħajti. Ser noqtol il-biżgħat tiegħi, ser ngħix il-ħolm tiegħi, ser nibdel l-attitudni tiegħi, irrid nagħmel xi ħaġa kbira b'ħajti, irrid insib l-iskop tiegħi, irrid insir naf li l-impossibbli mhux impossibbli." Mhux se ngħidlkom jekk għextx jew le wara dak il-lejl. Pruvaw aqtgħu. (Daħka ġenerali) Imma dak il-lejl għamilt lista tal-ewwel 10 Thromes tiegħi: Iddeċidejt li ridt inżur il- kontinenti prinċipali inżur is-Seba' Meravilji tad-Dinja nitgħallem skoss ilsna, ngħix fuq gżira waħdi, ngħix fuq vapur fl-oċejan, ngħix ma' tribù Indjani fl- Amazonja, nitla' l-itwal muntajnja fl- Iżvezja, ridt nara tlugħ ix-xemx mill- Everest ridt naħdem fil-mużika f'Nashville, ridt naħdem f'ċirku, ridt naqbeż minn ajruplan. Fl-20 sena li ġew wara, irnexxieli nagħmel ħafna minn dawk it-Thromes Kull darba li naqta' throme mil-lista kont inżid 5 jew 10 oħra mal-lista u l-lista tiegħi baqgħet tikber. Għas-seba' snin ta' wara, għext fuq gżira żgħira fil-Bahamas għal madwar seba' snin f'għarix, naqbad il-klieb u l-ħamiem -il baħar biex niekol, waħdi fuq il-gżira liebes dublett taċ-ċaruta, u tgħallimt ngħum mal-klieb -il baħar. Minn hemm, mort il-Messiku, imbgħad mort fil-baċin tax-xmara Amazonja fl-Ekwador, Pujo Pongo Ekwador, għext ma' tribù hemm, u biċċa biċċa bdejt nikseb il-kunfidenza grazzi għat-thromes: Bdejt naħdem fil-mużika f' Nashville, imbgħad l-Iżvezja, mort Stokkolma, hemm ħdimt fil-mużika, u tlajt il-quċċata tal-muntajna Kebnekaise fuq iċ-Ċirku Artiku. Tgħallimt nagħmilha ta' buffu, il-juggling, kif nimxi fuq il-pilastri, kif nirkeb rota waħda, niekol in-nar u niekol il-ħġieġ. Fl-1997 smajt li kien fadal inqas minn 12-il belliegħ tax-xwabel u għedt, "Irrid inkun bħalhom!" Iltqajt ma' belliegħ tax-xwabel, u tlabtu jgħinni. Qalli, "Iva ntik 2 suġġerimenti: L-ewwel: Perikoluża ħafna, mietu n-nies jagħmluha. It-tieni: Tippruvahiex!" (Daħka ġenerali) Għalhekk żidtha mal-lista tat-thromes. U pprattikajt 10 sa 12-il darba kuljum, kull jum għal 4 snin. U issa ħdimtha... 4 x 365 [x12] Madwar 13,000 prova li ma rnexxietx qabel irnexxieli nniżżel xabla f'gerżumti fl-2001. Fl-istess żmien niżżilt throme li kelli nsir l-ikbar espert fid-dinja tal-bliegħ tax-xwabel. Allura fittixt għal ktieb, magażin, artikli tal-gazzetti, kull rapport mediku, studjajt il-fiżjoloġija, l-anatomija tkellimt ma' tobba u nfermiera, laqqajt il-belliegħa tax-xwabel kollha, ħloqna Sword Swallowers Association International u għamilna riċerka medika ta' sentejn dwar il- Bliegħ tax-xwabel u l-effetti mhux mixtieqa li ġiet ippubblikata fil- British Medical Journal. (Daħka ġenerali) Grazzi. (Ċapċipa) U tgħallimt xi affarijiet affaxxinanti dwar il-bliegħ tax-xwabel. Affarijiet li qatt ma ħsibtu fihom qabel imma wara llejla tibqgħu tiftakruhom. Id-darba li jmiss li tkunu d-dar u taqtgħu biċċa laħam bis-sikkina jew xabla, jew il-"bestek" tagħkom, se taħsbu f'din... Tgħallimt li l-bliegħ tax-xwabel beda l-Indja - hemm fejn rajtu jsir l-ewwel darba meta kelli 20 sena - madwar 4000 sena ilu, madwar 2000 Q.K. Fl-aħħar 150 sena, il-belliegħa tax-xwabel intużaw fil-kampijiet tax-xjenza u l-mediċina biex jiżviluppaw l-endoskopu dritt fl-1868 ta' Dr. Adolf Kussmaul fi Freibug il-Ġermanja. Fl-1906, l-elektrokardjogramma f'Wales, biex jistudja il-problemi tal-bliegħ u d-diġestjoni, bronkoskopi u dat-tip ta' ħġejjeġ. Imma fl-aħħar 150 sena, nafu b'mijiet ta' korrimenti u numru ta' mwiet... Minn naħa għandek l-endoskopu dritt ta' Dr. Adolf Kussmaul. Imma sibna li kien hemm 29 mewt fl-aħħar 150 sena inkluża dik ta' belliegħ tax-xwabel minn Londra li nifed qalbu bix-xabla. Sibna wkoll li jkun hemm bejn 3 u 8 korrimenti serji kull sena minħabba l-bliegħ tax-xwabel. Naf għax iċempluli. Kelli biss 2, waħda mill-Iżvezja u waħda minn Orlando, fil-ġimgħat li għaddew, belliegħa tax-xwabel li jinsabu l-isptar għax weġġgħu. Hija perikoluża ħafna. Il-ħaġa l-oħra li tgħallimt hija li għal ħafna nies, biex jitgħallmu jibilgħu ix-xwabel, idumu bejn sentejn u għaxar snin. Iżda l-iktar skoperta affaxxinanti għalija kienet kif il-belliegħa tax-xwabel jitgħallmu jagħmlu l-impossibbli. U ser ngħidilkom sigriet żgħir: Taħsbux fuq id-99.9% li huwa mpossibbli. Iffukaw fuq dak il-.1% li huwa possibli u araw kif ser twettquh. Issa ħalluni ndaħħalkom f'moħħ il-belliegħ tax-xwabel. Biex tibla' xabla, teħtieġ il-meditazzjoni tal-moħħ fuq il-ġisem, konċentrazzjoni estrema, u eżattezza biex tifhem l-organi ġewwiena tal-ġisem u tirbaħ kontra r-riflessi awtomatiċi tal-ġisem b'sinopsi tal-moħħ imtejjba, b'memorja muskolari u bi prattika ta' iktar minn 10,000 darba. Issa ħalluni noħodkom mixja fil-ġisem ta' belliegħ tax-xwabel. Biex tibla' xabla, jeħtieġli nżerżaq ix-xafra fuq ilsieni, inwaqqaf ir-rifless fl-esofagu ċervikali, indawwar dawra ta' 90 grad fl-epiglottite, ngħaddi mill-isfintere tal-esofagu cricofarinġju ta' fuq, inwaqqaf ir-rifless peristalsiku inżerżaq ix-xafra fil-fetħa ta' sidri bejn il-pulmun. Hawnhekk, irrid nimbotta qalbi lejn il-ġenb. Jekk tħarsu bir-reqqa, taraw it-taħbit ta' qalbi max-xabla għax qed tmiss mal-qalb u mifruda biss b'wieħed minn tmienja ta' pulzier ta' tessut tal-esofagu. Din mhux xi ħaġa li tista' tirreċtaha. Imbgħad irrid ngħaddiha bejn l-għadma tas-sider, mill-isfintere tal-esofagu cricofarinġju t'isfel sal-istonku inwaqqaf ir-rifless tal-istonku u nwassalha sad-duodenum. Affarijiet żgħar. (Daħka ġenerali) Kieku kelli nkompli nieżel, nasal sat-tubi Fallopjani tiegħi. (Bl-Olandiż) Tubi Fallopjani! L-irġiel tistgħu issaqsu lil martkom wara dwar dawk... In-nies jistaqsuni, jgħiduli, "Għandek ħafna kuraġġ biex tirriskja ħajtek, biex timbotta qalbek, u tibla' xabla..." Le. Għandu bżonn kuraġġ dak it-tifel imbeżża', mistħi, niexef u bla sinsla biex jirriskja l-falliment u li ma jkunx aċċettat, biex jiftaħ qalbu beraħ u jneħħi l-kburija u jitla' hawn quddiem ħafna barranin u jgħidilkom l-istorja tiegħu dwar il-biżgħat u l-ħolm u jqerr kollox magħkom. Qed taraw - grazzi. (Ċapċipa) Qed taraw, l-ħaġa hija li dejjem ridt nagħmel xi ħaġa kbira f'ħajti u issa rnexxieli. Iżda l-iktar ħaġa mpressjonanti mhux li issa kapaċi nibla' 21 xabla f'daqqa, jew 20 pied taħt l-ilma f'tank ma' 88 kelb u ħamiem -il baħar għal Believe It or Not ta' Ripley jew imsaħħna sa' 1500 grad għal Superhumans ta' Stan Lee bħala "Man of Steel" u vera kienet taħraq! Jew li niġbed karozza b'xabla għal Ripley jew Guiness, jew li nasal sal-finali ta' America's Got Talent, jew li nirbaħ il-Premju Ig Nobel fil-Mediċina tal-2007. Le, dak mhux impressjonanti. Dak x'jaħsbu n-nies. Imma le, le, le. Mhux dik. Il-ħaġa mpressjonanti hija li Alla ħa lil dak it-tfajjel imbeżża' mistħi, niexef u bla sinsla, li kien jibża' mill-għoli mill-ilma u l- klieb -il baħar mit-tobba, mill-infermiera l-labar u l-ħġejjeġ li jaqtgħu li jkellem lin-nies u ħallieni ndur id-dinja f'għoli ta' 30,000 pied nibla' l-ħġejjeġ li jaqtgħu taħt l-ilma f'tankijiet mimlija klieb -il baħar, nitkellem mat- tobba u l-infermiera u nies bħalkom madwar id-dinja. Dik impressjonanti għalija. Dejjem ridt nagħmel l-impossibli - Grazzi. (Ċapċipa) Grazzi. (Ċapċipa) Dejjem ridt nagħmel l-impossibbli u issa hekk qed nagħmel. Ridt nagħmel xi ħaġa impressonanti b' ħajti u nibdel id-dinja, u hekk qed nagħmel. Dejjem ridt indur id-dinja, nagħmel affarijiet super-umani u nsalva l-ħajjiet, u issa qed nagħmel hekk. U tafu xiex? Għad fadal parti żgħira mill- ħolma ta' dak it-tfajjel ġewwa fija. (Daħka ġenerali)(Ċapċipa) Dejjem fittixt li nsib l-iskop ta' ħajti u issa sibtu. Imma tafu xiex? Mhux bix-xwabel, mhux li qed taħsbu, mhux bil-kapaċitajiet tiegħi. Iżda bid-djufija tiegħi, bi kliemi. L-iskop ta' ħajti huwa li nibdel id-dinjda billi nirbaħ lill-biża', xabla, xabla, kelma, kelma sikkina, sikkina, ħajja, ħajja, biex nispira lin-nies ikunu super-eroj u jagħmlu l-impossibbli f'ħajjithom. L-iskop tiegħi huwa li ngħin lill-oħrajn isibu l-iskop. X'inhu tiegħek? X'inhu l-iskop tiegħek? Għalfejn ġejt fid-dinja? Nemmen li kollha kemm aħna super-eroj. X'inhi s-super kapaċità tiegħek? F'dinja ta' iktar minn 7 biljun persuna, fadal inqas minn 50 belliegħa tax-xwabel madwar id-dinja, iżda hemm wieħed biss minnek. Inti uniku/a X'inhi l-istorja tiegħek? X'jagħmlek differenti? Irrakkonta l-istorja tiegħek, anke jekk leħnek irqiq u jitriegħed. X'inhuma t-thromes tiegħek? Jekk tista' tagħmel li trid? tkun min trid, tmur fejn trid - X'tagħmel? Fejn tmur? X'tagħmel? Xi trid tagħmel b'ħajtek? X'inhu l-ħolm tiegħek? X'kont toħlom bħala tfajjel? Ftakar. Imħatra li mhux dil-ħajja, eh? X'kien l-ikbar ħolm tiegħek? li kien tant stramb u mhux ċar? Imħatra li dan kollu qed jurik li dak il-ħolm mhux tant stramb wara kollox? X'inhi x-xabla tiegħek? Kull wieħed minnkom għandu xabla, taqta' minn żewġ naħat - biża' u ħolm. Ibla' x-xabla tiegħek, hi x'inhi. Għixu l-ħolm tagħkom, sinjuri qatt m'hu tard wisq biex tkunu min tridu tkunu. Lil dawk il-bullies bil-blalen tad-dodgeball li ħasbu li qatt ma kont ser nagħmel l-impossibbli, nixtieq ngħidilhom ħaġa waħda: Grazzi. Għax kieku ma kienx għall-kattivi, ma jkollniex super-eroj. Qiegħed hawn biex nuri li l-impossibbli mhux impossibbli. Din perikoluża ħafna, taf toqtolni. Nispera li togħġobkom. (Daħka) Se neħtieġ l-għajnuna tagħkom għal din. Udjenza: Tnejn, tlieta. Dan Meyer: Le, le, le. Neħtieġ l-għajnuna biex ngħodd, kulħadd, ok? (Daħka) Jekk tafu l-kliem? Ok? Għoddu miegħi. Lesti? Wieħed. Tnejn. Tlieta. Le, dak 2, imma fhimtu. Udjenza: Wieħed. Tnejn. Tlieta. (Stagħġib) (Ċapċipa) DM: Yeah! (Ċapċipa)(Ferħ) Grazzi ħafna. Grazzi , grazzi , grazzi . Grazzi minn qiegħ qalbi. Jew le, grazzi minn qiegħ l-istonku tiegħi. Għedtilkom li ġejt hawn biex nagħmel l-impossibbli u hekk għamilt. Imma dan ma kienx impossibbli. Nagħmel hekk kuljum. L-impossibbli kien għal dak it-tfajjel imbeżża', mistħi, niexef u bla sinsla jaffaċja l-biża' u jitla' fuq palk, u li jibdel id-dinja, kelma kelma, xabla, xabla, ħajja, ħajja. Jekk għentkom taħsbu b'modi ġodda, jekk għentkom temmnu li l-impossibbli mhux impossibli, jekk għentkom tifhmu li tistgħu tagħmlu l-impossibbli f'ħajjitkom, allura xogħoli hawn lest, u għalikom għadu jibda. Qatt tieqfu toħolmu. Qatt tieqfu temmnu. Grazzi talli emmintu fija u grazzi talli kontu parti minn ħolmti. U dan huwa r-rigal tiegħi: L-impossibbli mhux... Udjenza: Impossibbli. Il-mixja twila parti mir-rigal. (Ċapċipa) Grazzi. (Ċapċipa) (Ferħ) Preżentatur: Grazzi, Dan Meyer, wow!